Qed Joqrob ix-Xahar t'Ottubru
Aktar tard din il-ġimgħa nkunu qedgħin niċċelebraw il-festa ta' San Mikiel Arkanġlu, sewwa sew nhar l-Erbgħa 29 ta' Settembru, u imbagħad jumejn wara nidħlu fix-xahar t'Ottubru.
Għadna niftakru sewwa kif is-sena li għaddiet dan ix-xahar konna iċċelebrajna bi kbir f'dan il-mudell ta' knisja l-15-il sena anniversarju mill-introduzzjoniji tal-vara titulari tal-istess mudell ta' knisja. Infatti niftakru tajjeb li għal din l-okkażjoni speċjali l-istatwa ġiet armata fuq il-bankun tagħha daqs li kieku kienet il-festa titulari, u l-mudell ġie armat b'xi apparat reliġġjuż li normalment jintremgħa f'Awwissu, u anke d-damask ġie armat b'mot ridott.
Din is-sena għalkemm l-istatwa titulari baqgħet fin-niċċa tagħha, f'għeluq is-16-il sena minn meta ġiet introdotta, fil-mudell ta' knisja rajna xi introduzzjonijiet oħrajn, li ġeneralment ġew akkwistati matul is-sena li għaddiet u għalhekk qedgħin jiżżanżnu ssa; fosthom l-ikona ta' Santa Fawstina, li qiegħda tiġi mqiegħda fuq l-altar maġġur, u kif ukoll santa tal-Beatu Carlo Acutis, li din qiegħda titqiegħed fuq wieħed mill-pedestalli t-tondi li saru reċentament ukoll fil-ġenb tal-altar tas-santissmu sagrament. Ta' min isemmi li din is-santa ma tqiegħditx ma ġenb dan l-altar b'kumbinazzjoni iżda bi żsieb hekk kif nafu kemm dan il-beatu kellu għal qalbu l-ewkaristija matul ħajtu. Il-festa tiegħu tiġi ċċelebrata fit-12 t'Ottubru.
Bħal ma jsir ta' kull sena, intremgħa l-bust tridimenzjonali ta' Sant' Ursula, replika f'minjatura ta' dan li jinsab fil-Knisja Katidrali ta' Għawdex, fuq l-altar maġġur hekk kif dan ix-xahar niltaqgħu wkoll mal-festa tagħha, nhar il-21 tax-xahar. Nhar it-2 tax-xahar imbagħad, proprju bħal lum ġimgħa l-knisja tagħmel it-tifkira tal-Anġli Kustodji, u fil-kollezzjoni ta' dan il-mudell ta' knisja insibu statwa ħelwa ta' din il-festa.
Statwi oħra li dan ix-xahar naraw il-festi tagħhom u li ġew armati fil-mudell ta' knisja nsibu; San Franġisk t'Assisi (4 ta' Ottubru) u Santa Tereża ta' Avila (15 ta' Ottubru).
Qabel ngħalqu importanti li nsemmu li dan ix-xahar, proprju nhar it-22 t' Ottubru nsibu l-festa tal-Papa San Ġwanni Pawlu II, festa għażiża feherm għalina d-diriġenti ta' dan il-mudell ta' knisja. Għalhekk, kif jixraq għal dan ix-xahar quddiem il-mafkar tiegħu f'dan il-mudell ta' knisja tqiegħdu tlett fjuretti.
Minn hawn irridu nieħdu l-okkażjoni biex naqsmu magħkom l-aħbar li bħala parti mill-proġett ambizzjuż ta' tkabbir u tisbiħ ta' dan il-mudell ta' knisja, li issa daħal fit-tieni sena tiegħu, ser inkunu qedgħin niddedikaw spazju xieraq għal dan il-qaddis tant maħbub San Ġwanni Pawlu II, u għalhekk, probabilment din hija l-aħħar festa tiegħu li ser inkunu qed naraw il-mafkar tiegħu f'dan il-post tal-mudell u b'dan il-mod, hekk kif dan kollu ser jiġi inkorporat fil-proġett msemmi. Imma dwar dan nagħtukom aktar informazzjoni 'l quddiem fit-taqsima tal-Armatura.
Għal issa filwaqt li nistednukom tagħtu titwila lejn ir-ritratti li għoġobna naqsmu magħkom, nirringrazzjawkom dejjem tas-sapport tagħkom.
Comments