top of page
Dehra%20Awwissu%202020_edited.jpg

STORJA

Dan il-mudell ta’ knisja huwa ddedikat lil Santa Marija Assunta. Ġie maħdum minn John Cordina u huwa proprjeta ta’ Mario Vella Cordina. Dan il-mudell intrama għall-ewwel darba f’Lulju 2005.
Għalkemm dan il-mudell ma jimita l-ebda knisja partikularment, fih laqta ta’ ideat minn knejjes differenti mferxin madwar il-gzira Għadwxija. Iżda, minnkejja dan, fuq l-altar prinċipali naraw kopja f’minjatura tal-pittura tat-titular li jinsab fil-Knisja Katidral tal-Assunta, fiċ-Ċittadella ta’ Għawdex. Insibu ukoll, statwa f’minjatura kopja tal-istatwa ta’ Santa Marija Assunta li tinsab fl-istess Katidral ta’ Għawdex.
Kien proprju f’Awwissu tas-sena tal-inawgurazzjoni, jiġifieri; Awwissu 2005, li dan il-mudell ta’ knisja tlibbes għall-ewwel darba l-libsa tal-festa, biex imbagħad f’Novembru ta’ wara; Novembru 2005 kienet ġiet introdotta l-vara titulari ta’ Santa Marija Assunta li hija replika f’minjatura tal-isitwa titulari fil-Katidral ta’ Għawdex.
Iżda vara titulari jistħoqqilha predestall taħtha biex tkun mgħolliha fuqu, u għall-festa ta’ wara, dik ta’ Awwissu 2006, ġie introdott predestall maħdum proprju għal dan il-għan fl-injam minn Michael Vella, li eventwalment ġie indurat bil-fidda biex hekk jkollu aktar dehra li tikkumplimenta l-istatwa. Dan ix-xogħol imbagħad ġie kumplimentat billi saret dekorazzjoni fuq il-bankun tal-vara titulari.
L-istess Michael Vella imbagħad, għall-festi tal-Milied ta’ wara, jiġifieri f’Diċembru 2006, għoġbu jirregala sett ta’ 6 siġġijiet biex jiġu introdotti f’dan il-mudell bħala siġġijiet tal-kursija tal-knisja, kif ukoll konfessjonarju.
Is-sena 2007 kienet sena li ragħat tibdil sħiħ u qawwi għal dan il-mudell, hekk kif eżattament kif għaddew il-festi tal-Għid ta’ dik is-sena, dan il-mudell iżżarma minn fejn kien jinsab, biex ġie rilokat għall-kamra ġdida li kienet attrezzata appost għalih. Minkejja li għall-festa ta’ Santa Marija ta’ dik is-sena ma kienx ġie armat, dan kien reġa ntrema’ f’Settembru 2007, sewwa sew, għal festa tal-Arkaġlu San Mikiel.
Għalkemm ma kienx pass ħafif li wieħed jirriloka dan il-mudell ta’ knisja, imma kien pass għaqli għax dan kien il-frott biex f’Diċembru tal-istess sena; Diċembru 2007, ġiet inawgurata estemsjoni tal-mudell; is-sangristija, xogħol fl-injam minn Michael Vella.
Kienet ilha tinħass il-ħtieġa biex flimkien mal-apparat reliġjuż li għandu dan il-mudell jibda jiżdied xi armar għal Ġimgħa Mqaddsa, u proprju f’Marzu tas-sena 2008 ġie introdott l-altar tar-ripożizzjoni, jew aħjar kif jafuħ ħafna; is-sepulkru.
Għal festa ta’ Santa Marija ta’ Awwissu 2009, ġie introdott pedestall ġdid maħdum fil-ġibs ukoll induratt bil-fidda biex ħa post dak preċedenti.
Lulju 2010, kien xahar aktar speċjali minn oħrajn għax kien proprju x-xahar li 5 snin qabel dan il-mudell ta’ knisja kien ġie inawgurat fih. Biex jiġi imfakkar dan l-anniversarju b’mod permanenti, f’Awwissu 2010 ġew inawgurati żewġ ġnubijiet ġodda biex jitqgħedu mal-ġnub tal-altar.Din l-estensjoni rat l-introduzzjoni ta’ niċċa għall-vara ta’ Santa Marija Assunta, li eventwalment iżżanżnet dritt wara kif għaddiet il-festa titulari, meta issa l-vara bdiet tibqa ġon-niċċa tagħha armata fil-mudell matul is-sena, u mhux aktar merfugħha bħal qabel.
Il-presepju minn dejjem kien l-armar ċentrali fl-armar tal-festa tal-Milied, u proprju f’Diċembru 2010 ġie introdott presepju f’minjatura ta’ daqs li jukkumplimenta lil dan il-mudell, presepju li inħadem fuq stil modern għal post partikulari f’dan il-mudell.
B’kuntrast ma dan li qedgħin ngħidu, f’April 2011, flimkien mal-apparat reliġjuż tal-Ġimgħa Mqaddsa żdidu sett vari għal dawn iż-żminijiet. B’hekk issa meta wieħed jħares lejn dan il-mudell jkun jista jgħid li huwa armat kif jixraq għal dil-ġimgħa tant importanti fil-kalendarju tas-sena liturġika. B’kollox insibu sett ta’ ħames vari; l-ewwel waħda hija iċ-ċenaklu, imbagħad krtisu mgħobbi is-salib, il-golgota, il-ġisem mejjet ta’ ġesu fi ħdan ommu Marija, il-ġisem mejjet ta’ ġesu, imbagħad għall-Għid il-Kbir għandna l-Vara ta’ Kristu Rxoxt. Ta’ min isemmi li dan is-sett huwa maħdum minn materjali differenti, u huwa ta’ diversi epoki u materjali differenti.
Hekk kif għaddiet il-festa titulari f’Awwissu tas-sena 2012, l-amobone tqiegħed f’assenza biex saret dekorazzjoni kompluta tiegħu. Fil-fatt, l-ambone reġa tqiegħed f’postu għal-festi tal-Milied ta’ dik is-sena; 2012.
Il-papa qaddis Ġwanni Pawlu II kien figura mportanti fil-knisja moderna, maħbuba minn ħafna nies differenti madwar id-dinja. Għalhekk id-diriġenti ta’ dan il-mudell ta’ knisja ħasbu biex fl-għeluq l-10 anniversarju mill-mewt tiegħu li kien ħabat proprju l-Ħamis 2 ta’ April 2015 jinawguraw mafkar permanenti għan-nom tiegħu, f’dan il-mudell ta’ knisja.
Ix-xahar ta’ Lulju tas-sena 2015 kien xahar ieħor importanti fl-istorja ta’ dan il-mudell ta’ knisja, hekk kif dak iż-żmien kien jaħbat l-10 snin anniversarju minn meta dan il-mudell ta’ knisja kien inawgurat. Biex jiġi mfakkar dan l-anniversarju speċjali, għal festa titulari ta’ dik is-sena, f’Awwissu 2015, dan il-mudell kien ġie mlibbes għall-ewel darba d-damask ta’ lewn kaħlani.
L-għan ewlieni tad-diriġenti ta’ dan il-mudell ta’ knisja kien u jibqa li jiddekoraw bl-aktar mod rikk dan il-mudell. Għalhekk f’Awwissu 2016 ġiet introdotta d-dekorazzjoni dehbiha ta’ fuq iċ-ċinta prinċipali, fejn tilħaq il-qofol tagħha proprju f’nofs il-mudell, sewwa sew fuq l-inkwadru tat-titular bis-simbolu tal-madonna; in-nome di maria.
Eżatt 10 snin wara li dan il-mudell kien iżżarma għal xi żmien biex ġie rilokat, dritt kif għaddew il-festi tal-milied tas-sena 2016, tul l-ewwel tlett xhur tas-sena 2017, dan il-mudell reġa ġie żarmat biex jsir xogħol ta’ konservazzjoni fuq l-injam li jsawwar l-art tal-altar. Imbagħad, f’April 2017, kien reġa ġie armat għal-glorja tiegħu.
Is-sena 2018 tista tiġi kkummentaa bħala waħda ‘minn wara l-kwinti’. U ta’ bilħaq wieħed jista jgħid dan hekk kif bħala xogħol fil-mudell proprju kien wieħed limitat, għax l-attenzjoni kienet mixħuta fuq iż-żona li fiħa jiħażnu l-oġġetti ta’ apparat reliġjuż u artifatti, flimkien ma statwi a kwalunkwe affarijiet oħra b’konnessjoni ma dan il-mudell ta’ knisja. Dan ix-xogħol sar biex b’hekk ma jsirx aktar ħsara fuq oġġetti tul iż-żmien li dawn ikunu merfugħha.
Max-xhur bikrin tas-sena 2019, saret deċiżjoni mid-diriġenti ta’ dan il-mudell ta’ knisja biex dan il-mudell ma jibqax jitgawda biss mill-ftit persuni li jkunu mistiedna, iżda jkun jista jiġi apprezzat minn ħafna persuni oħra pubblikament. Għalhekk f’April 2019 twaqqfet il-paġna online tas-sit soċjali facebook biex dan il-mudell ta’ knisja jkun jista jiġi gawdut minn dawk kollha dilettanti. Aktar ‘il quddiem imbagħad ġie miftugħha ukoll website biex fiha tkun tista tiġi ippubblikata l-aħħar informazzjoni b’mod professjonali dwar dan il-mudell ta’ knisja.
Is-Sena 2020 hija sena tabiħaqq speċjali għal dan il-mudell ta’ knisja hekk kif hija s-sena li fiha dan il-mudell qiegħed jagħlaq 15-il sena mill-inawgurazzjoni tiegħu f’Lulju 2005. Preżentament qiedgħin niċċelebraw dan l-anniversarju b’mod mill-aqwa hekk kif f’Novembru li għadda varajna programm sħiħ ta’ mumenti speċjali li jfakkruna fl-istorja ta’ dan il-mudell ta’ knisja ddedikata lil Santa Marija Assunta.
Fis-sena 2020 ukoll proprju mal-ftuħ tal-kwindiċina ta’ din is-sena rajna l-inawgurazzjoni mill-ġdid ta’ dan il-mudell ta’ knisja wara li dan ġie rilokat f’kamra proprju attrezzata għal dan il-għan. Minbarra r-rilokazzjoni beda xogħol ta’ restawr u aktar dekorazzjoni fuq il-mudell preżenti kif ukoll beda xogħol ta’ estensjoni tal-armatura ta’ dan il-mudell. (Aktar informazzjoni dwar dan ir-restawr, dekorazzjoni u estensjoni tistgħu issibuh fis-sezzjoni ‘Armatura’ ta’ din il-website).
Bla dubju ta’ xejn din hija storja li timliena b’kuraġġ biex inħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu lejn il-futur ta’ dan il-mudell ta’ knisja.

©2020 by Mudell ta' Knisja Ddedikata lil Santa Marija Assunta (Victoria - Għawdex) A.D.2005. Proudly created with Wix.com

bottom of page