top of page
Search

Mejju jinsab magħna

Writer's picture: Mario Vella CordinaMario Vella Cordina

Għada nibdew ix-xahar ta' Mejju, xahar li jwassalna għal festa tal-Pentecoste proprju din is-sena ser tkun qed tiġi ċċelebrata nhar il-Ħadd 23 ta' Mejju. Din hija l-festa li hija proprju l-għeluq tal-festi tal-Għid, għalhekk għal dan ix-xahar ukoll dan il-Mudell ta' Knisja Ddedikata lil Santa Marija Assunta (Victoria - Għawdex) A.D.2005 tħalla armat bil-libsa tal-Għid il-Kbir.


Xi tibdiliet żgħar iżda li kien hemm għad-differenza mix-xahar ta' qabel huma li l-vara ta' Kristu Rxoxt ġiet mneħħiha u ġew armati diversi statwi u santi li niċċelebraw il-festi tagħhom tul dan ix-xahar.


Dan ix-xahar insibu tlett statwi armati f'dan il-mudell ta' knisja. L-ewwel waħda li ser insemmi hija bla dubju l-vara ta' San Ġużepp Padrun tal-Knisja Universali, l-festa ta' San Ġużepp Ħaddiem niċċelebrawha fl-ewwel ta' Mejju iżda din is-sena minħabba s-Sena Ġużeppina tħallit din il-vara armata fil-knisja kif ilha sa' minn Jannar 2021 u ser tibqa armata sal-aħħar ta' din is-sena; tmiem is-Sena Ġużeppina. Statwa oħra li nsibu armata f'dan il-mudell ta' knisja għal dan ix-xahar hija l-istatwa ta' San Ġakbu Appostlu li l-festa tiegħu tiġi ċċelebrata fit-3 ta' Mejju, imbagħad insibu l-istatwa ta' Santa Rita bil-festa tagħha tkun iċċelebrata fit-22 ta' Mejju.


Bħala santi armati f'dan il-mudell, dan ix-xahar huwa wieħed interessanti hekk kif insibu għad ġmielu. L-ewwel waħda li tagħha nsibu t-tifkira hija nhar il-5 ta' Mejju meta nfakkru l-mewt ta' Frenċ tal-Għarb, imbagħad l-għada nsibu l-festa ta' San Domenico Savio. Imbagħad nhar it-8 ta' Mejju nsibu t-tifkira tal-festa tal-Madonna ta' Pompei, biex imbagħad għaxart ijiem wara jiġifieri fit-18 ta' Mejju nsibu l-festa tal-Madonna tal-iskapular aħdar.


Nhar id-9 ta' Mejju mbagħad insibu l-festa ta' San Ġorġ Preca l-ewwel qaddis Malti li għal l-okkażjoni tal-festa tiegħu fil-kollezzjoni ta' dan il-mudell ta' knisja insibu armata ikona sabiħa. Festa li kien devot tagħha San Ġorġ Preca u li nsibu l-festa tagħha ukoll dan ix-xahar hija l-festa ta' Marija Għajnuna tal-Insara, li niċċelebrawha proprju nhar l-24 ta' Mejju.


Biex ngħalqu x-xahar, 31 ta' Mejju, imbagħad inħarsu lejn waħda miż-żewġ tpenġijiet fissi fil-ġnub tal-altar maġġur ta' dan il-mudell ta' knisja, dik tal-Viżitazzjoni ta' Sidtna Marija lil Qaribtha Eliżabbetta. Ta' min isemmi li din it-tpenġija kienet ġiet restawrata s-sena li għaddiet bħala parti mill-proġett ta' rilokazzjoni, tkabbir u tisbiħ ta' dan il-mudell ta' knisja.











20 views0 comments

Recent Posts

See All

Comments


Commenting has been turned off.

©2020 by Mudell ta' Knisja Ddedikata lil Santa Marija Assunta (Victoria - Għawdex) A.D.2005. Proudly created with Wix.com

bottom of page